gov.mt

PR261706

PR261706

13/10/2026

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA, L-AMBJENT U R-RIĠENERAZZJONI TAL-PORT IL-KBIR Ambizzjoni klimatika u r-realtajiet tal-Istati Membri

​

Malta parti minn grupp ta’ pajjiżi li qed jinsistu dwar salvagwardji fis-settur marittimu u l-avjazzjoni

Malta hija parti minn grupp ta’ pajjiżi li jridu li r-reviżjoni tal-ETS (Emission Trading System) tħares il-kompetittività tal-Ewropa.

Il-Ministru Miriam Dalli ngħaqdet ma’ Ministri oħra Ewropej fil-Kunsill tal-Ministri tal-Ambjent tal-Unjoni Ewropea, fejn ġiet diskussa r-reviżjoni proposta tal-ETS.

Il-Ministru Dalli tat l-appoġġ ta’ Malta għal sistema Ewropea b’saħħitha u effettiva bħala għodda ewlenija biex jitnaqqsu l-emissjonijiet u jintlaħqu l-għanijiet klimatiċi komuni tal-Unjoni Ewropea. Iżda sostniet li l-qafas rivedut għandu jibqa’ prevedibbli, filwaqt li jiżgura li l-Istati Membri kollha jkollhom triq prattika u realistika lejn id-dekarbonizzazzjoni.

Il-Ministru enfasizzat li t-trasport marittimu u l-avjazzjoni huma essenzjali għal Malta bħala pajjiż żgħir, peress li jsostnu l-konnettività, il-provvista ta’ prodotti essenzjali u l-funzjoni tal-ekonomija. Għalhekk, appellat biex dawn ir-realtajiet ikunu riflessi b’mod adegwat fil-qafas rivedut, filwaqt li wissiet li l-miżuri klimatiċi m’għandhomx idgħajfu l-kompetittività ta’ pajjiżi li jiddependu ħafna fuq dawn is-setturi.

“Irridu li l-Iskema tal-UE ETS twassal għal tnaqqis reali fl-emissjonijiet u tagħti lil kull Stat Membru l-mezzi biex jagħti sehmu, filwaqt li jitqiesu ċ-ċirkostanzi nazzjonali differenti tagħna,” qalet il-Ministru Dalli.

Malta qed taħdem ukoll ma’ grupp ta’ Stati Membri li jaqsmu l-istess prinċipju: li l-integrità ambjentali tal-ETS għandha tibqa’ mħarsa, filwaqt li jiġu evitati impatti negattivi fuq il-kompetittività ekonomika.

Fost il-prijoritajiet ta’ Malta hemm il-ħarsien tal-konnettività u s-sigurtà tal-provvista, li jkun indirizzat dak li jissejjaħ carbon leakage, jiġifieri d-devjazzjoni tat-traffiku fis-setturi marittimi u tal-avjazzjoni lejn pajjiżi terzi mingħajr l-ebda benefiċċju għall-klima, u l-għoti ta’ flessibbiltà u appoġġ biex it-tranżizzjoni tkun waħda ġusta u effettiva.

Il-Ministru Dalli saħqet li l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-ħarsien tal-kompetittività ekonomika għandhom jimxu id f’id, filwaqt li l-politiki klimatiċi Ewropej jirriflettu ċ-ċirkostanzi differenti tal-Istati Membri.


​